6.15.2010


Att ta’ Fiduċja u Konsagrazzjoni lill-Qalb Immakulata tal-Imqaddsa Verġni Marija

Omm Immakulata, f’dan il-post ta’ grazzja
miġburin hawn mill-imħabba ta’ Ibnek Ġesù,
is-Saċerdot il-Kbir u etern,
aħna, ulied fl-Iben, u saċerdoti tiegħu,
nikkonsagraw lilna nfusna
lill-Qalb materna tiegħek,
biex inwettqu b’fedeltà r-rieda tal-Missier.

Aħna nagħrfu li mingħajr Ġesù
ma nistgħu nagħmlu xejn tajjeb (ara Ġw 15, 5)
u li biss permezz tiegħu, miegħu u fih,
nistgħu nkunu għad-dinja
strumenti ta’ salvazzjoni.

Għarusa tal-Ispirtu s-Santu,
iksbilna d-don imprezzabbli
tat-trasformazzjoni tagħna fi Kristu.

B’dik l-istess qawwa tal-Ispirtu,
li meta għattietek bid-dell tagħha,
għamlitek Omm is-Salvatur tagħna,
għin issa lilna biex Kristu, Ibnek,
jitwieled fina wkoll.

B’hekk il-Knisja tkun tista’ tiġġedded
permezz ta’ saċerdoti qaddisin,
trasfigurati permezz tal-grazzja
ta’ dak li qed iġedded kollox.

Omm il-Ħniena, hu l-Iben tiegħek Ġesù
li sejħilna biex insiru bħalu:
dawl tad-dinja u melħ tal-art (ara Mt 5, 13-14).

Għinna bl-interċessjoni setgħana tiegħek
li ma nkunu qatt inqas
milli titlob minna vokazzjoni tant sublimi,
u l-anqas li nċedu għall-egoiżmu tagħna,
għat-tlellix tad-dinja u t-tnassis tal-Ħażin.

Ħarisna bis-safa’ tiegħek,
għassisna bl-umiltà tiegħek
u istorna bl-imħabba materna tiegħek,
li hi riflessa f’tant erwieħ ikkonsagrati lilek,
mqegħdin għalina bħala ommijiet spiritwali.

Omm il-Knisja,
aħna s-saċerdoti rridu nkunu rgħajja
li ma jirgħux lilhom infushom,
imma mogħtijin lil Alla
għas-servizz ta’ ħuthom,
u li f’dan isibu l-ferħ sħiħ tagħhom.

Mhux biss bil-kliem, imma b’ħajjitna ukoll,
irridu nirrepetu b’ħafna umiltà,
jum wara jum, l-“iva” tagħna.

Iggwidati minnek,
irridu nkunu Appostli tal-Ħniena Divina,
henjin li qed niċċelebraw kuljum
is-Sagrifiċċju Qaddis tal-Artal
u li noffru, li kull min jitolbu,
s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

Avukata u Medjatriċi tal-grazzja,
li għalkollox int imsieħba
fil-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu,
ikseb għalina mingħand Alla
qalb kompletament imġedda,
li tkun tħobb lil Alla
bil-qawwa kollha possibbli
u li sservi l-umanità bħalma għamilt int.

Irrepeti lill-Mulej il-kelma tiegħek effikaċi,
“Ma għandhomx inbid” (Ġw 2, 3),
sa ma jissawwab fuqna mill-ġdid
mill-Missier u l-Iben, id-don tal-Ispirtu s-Santu.

Mimlijin stagħġib u gratitudni
għall-preżenza kontinwa tiegħek fostna,
f’isem is-saċerdoti kollha,
jien ukoll irrid nistqarr: “Minn fejn ġieni dan
li Omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?” (Lq 1, 43).

Omm tagħna f’kull żmien,
tgħejja qatt tiġi “żżurna”,
tikkunslana, ssostnina.
Ejja għinna u ħarisna
minn kull periklu li jheddidna.
B’dan l-att ta’ fiduċja fik u konsagrazzjoni,
rridu nilqgħuk,
b’mod mill-aktar profond u radikali,
għal dejjem u għalkollox,
fl-eżistenza tagħna umana u saċerdotali.

Il-preżenza tiegħek iġġiegħel
id-deżert tas-solitudni tagħna
jwarrad mill-ġdid, u x-xemx tiżreġ
fuq id-dlam tagħna,
u ġġib il-kalma wara t-tempesta,
sabiex kull bniedem jara
s-salvazzjoni tal-Mulej,
li għandu l-isem u l-wiċċ ta’ Ġesù,
li hu rifless fi qlubna,
għal dejjem magħqudin ma’ tiegħek!

Ammen!

Il-Papa Benedittu XVI
fi tmiem is-sena tas-saċerdoti
11.vi.2010

No comments: