
Ix-xogħol tiegħi ilaqqagħni ma' żgħażagħ kuraġġużi u determinati li, avolja jkollhom ħajja ċerta u futur sabiħ, ikunu lesti jabbandunaw kollox għax Ġesù jitlob minnhom li jgħaddu minn triq oħra... Dawn huma esperjenzi minn emails li rċevejt dan l-aħħar...
Father, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isiru parti minni dawn il-live-ins... Meta jasal ieħor, dak li nibda nħoss f'qalbi jien stess ma nistax nispjgah. Inħossni qiegħed f'mixja, għalkemm aħna lkoll qegħdin f'mixja. Imma din it-triq aktar ma timxi fiha aktar qed tidjieq. Bħalma qalilna Hu: "qis li tgħaddu mill-bieb id-dejjaq!" Din il-ħaġa vera sammritli ħsiebi u qalbi. Għad baqa' ftit ieħor imma jekk din hi verament ir-rieda ta' Alla... l-importanti li ssir fija r-rieda ta' Alla... Qisu minn kull live-in toħroġ dik ix-xi ħaġa li wieħed ikun jista' jġorrha miegħu d-dar. Żommuna f'talbkom ħalli naslu biex niskopru dak li jrid minna s-sid tagħna li hu Kristu.
Emminni Father, ma nistax nemmen minn xhiex qed ngħaddi bħalissa... Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nissoda! Qed nissorprendi lili nnifsi b'dak li qed jiġri. Temmen li sieħbi li ilu ma jmur qrar mill-griżma - u ovvjament l-anqas quddies - ġie miegħi quddies is-Sibt?! U wkoll qalli: "Inżommuha din ta!" Ma rridx nemmen! Issa jrid imur iqerr ukoll! Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ninduna kemm Alla hu umli. Biex ikellem lil sħabi kellu jinqeda bija?! Kellu jinqeda b'wieħed agħar minnhom?! Sorpriż għall-aħħar... il-bidla li qed nara anke fi sħabi... qed jirriflettu aktar fuq ħajjithom! Ħsibtu ħa jkun żmien ta' diffikultà imma nixtiequ ma jispiċċa qatt. Dawn ix-xhur ta' stennija huma training tajjeb għalija. Persważ li jekk Alla jtini l-grazzja li nordna, ma nara xejn u lil ħadd żejjed! Kemm jista' jkun qed nipprepara ruħi għall-ġurnata li nibda s-Seminarju. Irrid inkun ippreparat biex inwassal il-kelma ta' Dak li ma jinstemax, il-maħnuq mis-soċjetà. Leħnu b'saħħtu daqs kemm nagħmilhulu jien. Mela wara grazzja hekk kbira, nista' għallinqas inkun naqra reċiproku u nagħmel l-effort kollu tiegħi! Qed nemmen fil-ferħ li titlob għal ħaddieħor... Nitlob li oħrajn isibu l-ferħ li Hu wera lili.
Nitolbu għal dawn ħutna, u għal oħrajn li qed jindunaw bis-sejħa, sabiex iniżżlu għeruq fil-fond fl-imħabba ta' Alla.
No comments:
Post a Comment