
MINNUFIH TELQU KOLLOX … U MARRU WARAJH
Illum għandna ħafna affarijiet importanti x'nagħmlu. Imma kollox huwa importanti ndaqs? Bħala nsara lkoll ġejna msejħin biex nieħdu impenn pubbliku li nibnu s-Saltna ta' Alla, u b'hekk ngħinu lil Ġesù jkompli l-missjoni tiegħu fid-dinja.
Waħda mill-mistoqsijiet li lkoll se jkollna nwieġbu xi darba f'ħajjitna hi: "Alla xi jrid minni?" Din hi domanda li fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju nippruvaw inressqu quddiem l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li niltaqgħu magħhom.
Avolja l-attività taċ-Ċentru tibqa' għaddejja sajf u xitwa — bl-impenn ta' bosta seminaristi, u anke lajċi, li jiġu jagħtu daqqa t'id — ix-xhur tas-sajf ikunu tassew xi ħaġa speċjali. Matul is-sena jkollna laqgħat kull xahar għat-tfal subien li jkunu fil-Form 1 u 2. Dawk minn Form 3 'il fuq ikollhom live-in kull term, waqt li dawk li jkunu mill-età tal-Form 6 'il fuq ikollhom live-in kull xahar. Imma fis-sajf, l-esperjenza tal-live-ins nippruvaw nagħtuha lil kulħadd. Dan is-sajf kellna 13-il live-in, għal etajiet differenti, li għalihom attendew madwar 240 student.
Xieraq li nirringrazzjaw lil Alla u lil xulxin tal-esperjenza li għamilna flimkien. Niċċelebraw ukoll il-familja — ladarba l-ġenituri għandhom post tant importanti biex l-ulied jiskopru u jikbru fis-sejħa li Alla jkun qed jagħmlilhom. Fl-aħħar attività tas-sajf, flimkien ma' Mons. Arċisqof — li huwa l-promotur ewlieni tal-vokazzjonijiet fid-djoċesi — ninġabru biex niċċelebraw l-Ewkaristija u inġeddu l-impenn tagħna li nibqgħu infittxu r-rieda ta' Alla u nwettquha f'ħajjitna.
Is-saċerdoti Maltin flimkien mal-Arċisqof qed iwettqu ħidma li bdiet meta Ġesù bagħat lill-Appostli tiegħu ma' kullimkien. Din il-missjoni ma waqfet qatt u jeħtieġ tkompli llum ukoll. Is-sejħa biex tkun qassis hija rigal kbir, u ġġib ferħ kbir — lil min jirċeviha u lill-poplu nisrani kollu.
Fis-seminarju ta' Malta, dan ix-xahar se jibdew żewġ seminaristi ġodda. Ħamsa oħra se jkunu qed jagħmlu sena esperjenza barra mis-seminarju, waqt li seba' qed iħejju biex ikunu ordnati djakni f'Ottubru li ġej. Grupp ieħor ta' sitt żgħażagħ se jibdew żmien ta' preparazzjoni qabel jidħlu s-seminarju s-sena li ġejja, jekk Alla jrid.
MESSAĠĠ TA' MONS. ARĊISQOF
WAQT IL-QUDDIESA TA' ĊELEBRAZZJONI FI TMIEM IS-SAJF
Seminarju, tal-Virtù - Rabat
17 ta' Settembru 2011.
Ir-riflessjoni li aħna nagħmlu bħala nsara nagħmluha dwar il-kelma t'Alla. Il-mistoqsijiet li jagħmel il-bniedem li jemmen, ma jippruvax isolvihom biss bil-moħħ tiegħu imma jsolvihom billi jisma' l-kelma t'Alla u jkun jaf it-tweġiba. U meta aħna ngħidu: imma x'inhi d-dinjità tal-bniedem? U aħna naqraw fil-kelma t'Alla li Alla l-Imbierek ħalaq lil kull bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu. U din hija d-dinjita ta' kull bniedem li jinsab fid-dinja.
Meta mbagħad nagħmlu l-mistoqsija: imma allura Ġesù għalfejn ġie hawn fostna? U t-tweġiba tagħna nsibuha wkoll fil-kelma t'Alla u ngħidu li dan il-poplu kollu, aħna l-insara, għandna l-missjoni li nuru lil bnedmin kollha tad-dinja xi tfisser din id-dinjità ta' Alla l-Imbierek biex inwasslu lilhom il-kelma u l-mezzi tas-salvazzjoni. U din hija d-dinjità tal-Knisja: tinsab fid-dinjità tal-persuni li hawn fid-dinja, kulħadd, ħadd mhu eskluż, li aħna għandna l-missjoni li nwasslu ma' Kristu l-kelma t'Alla.
Imbagħad nagħmlu l-mistoqsija: imma allura s-saċerdot, dak li aħna qegħdin niċċelebraw illum, fejn hi d-dinjità tiegħu? Id-dinjità tas-saċerdot hija għaliex Alla l-Imbierek, minn dan il-poplu tiegħu, għażel xi wħud u 'l dawn il-persuni li jkun għażel huwa jagħtihom id-dawl biex jagħtu ħeġġa, jagħtu tagħlim, jagħtu l-grazzja lil poplu tiegħu, lilna lkoll, ħalli nkunu nistgħu naqdu dik il-missjoni tagħna li lil persuni kollha nagħtuhom dak li għallem Sidna Ġesù Kristu.
Allura għalhekk aħna qegħdin hawn. Qegħdin hawnhekk biex infaħħru 'l Alla għad-dinjità li ta lill-bniedem. Qegħdin hawnhekk biex infaħħru 'l Alla għal dan il-pjan kbir li permezz tiegħu, il-poplu t'Alla kapaċi jwassal dan it-tagħlim kollu. Qegħdin hawn speċifikament biex lil Alla l-Imbierek nirringrazzjawh għal dan il-pjan tas-saċerdożju ministerjali, tas-saċerdożju ta' dawk li jservu lill-oħrajn, u nitolbu lil Mulej biex lil dawk li hu jkun għażel, iberikhom bl-għajnuna tal-ġenituri, bil-għajnuna tat-talb, bil-għajnuna tas-saċerdoti li jieħdu ħsiebhom, u b'hekk iwassalhom biex iwettqu s-sejħa tagħhom.
Jiena xtaqt li mill-lezzjonijiet tal-lum nagħmel daqsxejn ta' riflessjonijiet propju dwar is-saċerdożju ministerjali, madwar il-kelma li għadna kemm smajna. Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Isa 55, 6-9) aħna rajna d-dimensjoni tal-misteru. Meta nitkellmu fuq is-saċerdozju ministerjali, aħna m'aħniex qegħdin nitkellmu qisu xi ħadd għażel karriera, qisu xi ħadd huwa stess għażel li jkun xi ħaġa. Hawn għandna ħaġa totalment differenti. Il-kelma li lilna tiftaħna għall-ministeru hija din: "Il-fehmiet tiegħi" jgħid il-Mulej, "mhumiex fehmietkom u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom". Kollox huwa misteru u aħna rridu niftħu qalbna għal dan il-misteru. U l-ħajja tas-saċerdot trid tkun dejjem miftuħa għall-misteru b'mod speċjali għall-mistoqsija li l-ħin kollu jrid jagħmel: "Imma għaliex jien, Mulej? Kien hemm tant aħjar minni! Kien hemm tant aktar intelliġenti minni... Għaliex propju jien?"
Biex naqsam xi ħaġa personali magħkom, tafu li f'Ħamis ix-Xirka ikun hemm ħafna saċerdoti fil-Konkattidral ta' San Ġwann. U kull sena, minn mindu qiegħed Isqof, dejjem inħares 'l hawn u 'l hemm, nara dawk is-saċerdoti, ħafna minnhom ta' valur kbir, u lil Alla ngħidlu: "Imma kif jien qiegħed hawn, Mulej? Kif jien qiegħed Isqof ma' dawk is-saċerdoti li tant għandi rispett lejhom?" U ma nistax inwieġeb ħlief ngħidlu: "It-triqat tiegħek, Mulej, mhux it-triqat tagħna, il-fehma tiegħek mhux il-fehmiet tagħna. Għażilt lili u jiena naċċetta li nobdik f'dak li inti għażilt." U jkompli Isaija dwar l-uniku ħaġa kif ngħixu dan il-misteru. Hemm żewġ kelmiet li nixtieq li aħna nħalluhom ġewwa qalbna. Kif se tagħmel biex dan il-misteru tkun parti minnu? Jgħidilna: "Fittxu l-Mulej". Din il-kelma: Fittxu l-Mulej. Jekk il-Mulej ma jkunx ġewwa qalbna, jekk ma tkunx qed tfittex il-Mulej, kapaċi jgħaddi u lanqas tinduna bih. Mhux għax ma waqafx hu, imma għaliex qalbek ma kienetx lesta biex tfittxu, mhux miftuha biex hu jieqaf u jgħidlek: "Sakemm tistgħu issibuh, sejħulu sakemm hu fil-qrib". Mela fittxu u sejħulu!
L-għażla mhux aħna rridu nagħmluha, ħuti. Darba, ma nafx smajtunix ngħidha kont qiegħed il-Brażil. Ma tantx kien hemm vokazzjonijiet il-Brażil, imma kien hemm waħda mara kellha tifel li kien għadu żgħir, kellu xi ħames snin u qaltli: "Kemm nixtiequ li jsir saċerdot. Kif se nagħmel?" Għidtilha: "Żewġ affarijiet. L-ewwel trid tkun bħal meta Ġesù għażel l-appostli bil-ħsieb li jagħmilhom dixxipli tajbin. Mela, lit-tifel tiegħek ara li tkun qed trabbih skont dak li jixtieq il-Mulej minnu. It-tieni ħaġa: meta tkun qed tkellmu, agħtih id-disponibbiltà, għidlu jitlob ħalli jara l-Mulej xi jrid minnu". Xi wħud minna l-Mulej żgur se jsejħilhom biex jieħdu s-sagrament taż-żwieġ, bħal ma sejjaħ lill-ġenituri li jinsabu hawnhekk. Imma xi whud jibdew iħossu li l-Mulej irid xi ħaġa differenti minnhom. U dik iridu jkunu miftuha għaliha. Mela dawn iż-żewġ affarijiet, ftakruhom: Rabbu lil uliedkom bħala dixxipli tal-Mulej, u għinuhom ikunu ħfief biex f'dak li jgħidilhom il-Mulej, huma jkunu lesti jimxu fil-passi tiegħu.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Fil 1, 24-27) San Pawl ikellem lill-Filippin u lilna dwar min hu l-bniedem. Jitkellem fuqu nnifsu imma fuq kull bniedem ukoll: "Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix sew jekk immut". Ħa nqisu daqsxejn, ħuti, id-dinjità tagħna. Stajna għednihom kull wieħed u waħda minna dawn il-kelmiet: Kristu huwa msebbaħ fil-ġisem tiegħi! Ġisem li kapaċi jimrad, li jixjieh, ġisem li ma fih xejn ħlief dgħufijiet, u rridu nemmnu l-kliem ta' San Pawl li Kristu hu msebbaħ fil-ġisem tagħna! Allura kull wieħed u waħda minna llum bħal San Pawl irridu ngħidu: "Mulej is-sebħ tiegħek nixtieq li jidher: ġewwa fija u permezz tiegħi".
Imbagħad San Pawl ikompli jgħid kif se jissebbaħ Alla l-Imbierek: "Jekk għandi nibqa' ħaj fil-ġisem dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi". Meta konna żgħar, ħuti, kienu jgħidulna... Illum ma nafx għadhiex teżizti fil-Katekiżmu għax hemm xi kliem li ma tantx għadhom idoqqulna f'widnejna, imma huma veri... U konna ngħidu: "Għalfejn ħalqek il-Mulej?" U nwieġbu: "Il-Mulej ħalaqni biex inkun nista' naqdih ħajti kollha, imbagħad inkun nista' ngawdih għal dejjem." Il-kelma: "li taqdi". X'inhu l-qadi tas-saċerdot? Il-qadi tas-saċerdot huwa l-qadi ta' ragħaj bħalma kien Sidna Ġesù Kristu.
U ngħidu xi ħaġa li forsi llum tfixkilna aktar. Għalfejn il-Knisja għażlet iċ-ċelibat? Iċ-ċelibat ifisser li wieħed, meta jiġi biex ikun saċerdot, jagħti lura lil Alla, b'libertà sħiħa, dak id-don kbir li huwa s-sagrament taż-żwieġ, u jgħidlu: "Mulej, jiena ħajti kollha se niddedikaha lilek. Se agħtiha lilek mingħajr ma niżżewweġ. Mhux għax iż-żwieġ mhux sabiħ, imma għax jien ma rridx li jkolli biss lil marti u lil uliedi li jkunu tiegħi, u l-oħrajn mhumiex tiegħi."
L-aħħar ħaġa hi mill-Evanġelju li smajna llum dwar il-ġenerożità ta' Alla l-Imbierek. Jiena dejjem ngħidha b'ċajta: Li kieku flok il-Fariżej u l-kittieba kien hemm tal-unions, naħseb min jaf widnejhom kemm jibdew jogħorkuhom: "Dan kif ħadem siegħa u l-ieħor ħadem ma nafx kemm il-siegħa u t-tnejn jitħallsu l-istess?" Min jaf kemm kienu jsiru strikes minħabba f'hekk. Imma hemm differenza li Alla naħseb li jrid jgħallimna. Bħal qisu qed jgħid: "Le dak li nagħtikom mhux mertu tax-xogħol li intom tagħmlu. Dak li nagħtikom hu ġej kollu mill-imħabba tiegħi!" U dan jgħodd sew għall-ħajja miżżewġa, u b'mod speċjali fil-ħajja saċerdotali. Meta aħna nistaqsdu: "Kif se nikber quddiem Alla l-Imbierek?" Mhux billi taħdem aktar, imma billi titlob aktar u tirċievi aktar, u dak li tirċievi tħaddmu. Il-ħajja tal-qdusija għas-saċerdoti, u għal kulħadd, mhijiex kwistjoni biss bħalma meta jiena nistudja. Le! Jiena nitlob lill-Mulej, il-Mulej jagħtini d-doni - mhux biex isiru tiegħi imma huma u jibqgħu tiegħu - u dawk id-doni jiena naċċettahom u nibqa' naħdem fid-dawl tagħhom.
Allura kif ma nibżgħux, ħuti, li nisimgħu is-sejħa li jagħmlilna Alla l-Imbierek? Kif xi wħud jaċċettaw li jidħlu f'din is-sejħa bħala saċerdoti? F'Salm 144 smajna r-raġunijiet għaliex. Kien hemm dan il-kliem dwar min hu dak li jsejħilna: "Twajjeb u ħanin il-Mulej... Tjubitu fuq kull ma għamel". Kif tasal tibża' tagħti ħajtek lill-Mulej meta tisimgħu jgħidlek dan il-kliem: "Twajjeb il-Mulej... Tjubitu fuq kull ma għamel"? U jkompli s-Salmista: "Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu". Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu! Din hi ċ-ċerteżża li twassalna ma nibżgħux nisimgħu s-sejħa u nimxu fuqha.
+ Pawl Cremona O.P.
...Arċisqof ta' Malta
No comments:
Post a Comment