X’se nagħmlu dwar in-nuqqas ta’
Vokazzjonijiet?
Ħafna minna jafu, u jħobbu jgħidu, t-talba għall-vokazzjonijiet... "Mulej, Missier ta' Sidna Ġesù Kristu, li qal li l-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit, nitolbuk li tibgħat aktar ħaddiema għall-ħsad tiegħek..."
Aktar minn qatt qabel, illum huwa ferm importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ
tagħna jsibu min jiggwidahom waqt li jkunu qed jaħsbu dwar il-futur tagħhom. Li "tiggwida" hi eżatt bil-maqlub ta’ li "ġġiegħel"... Hija ħidma li titlob delikatezza w imħabba kbira lejn l-individwu għax trid
tagħti l-libertà kollha waqt li tipprova tgħin biex issir deċiżjoni tajba.
Jiena nemmen li s-sejħat tiegħu Alla
jagħmilhom fiċ-ċokon, biex il-bniedem –huwa u jimmatura – jkompli jibni ħajtu
madwar is-sejħa li tkun saritlu. Dan mhux proċess faċli, għal ħadd. U xejn inqas
għaż-żgħażagħ li llum huma mdawrin b'tant opportunitajiet li faċilment inessuk
il-veru skop tal-ħajja.
"Agħmel li ż-żgħażagħ tagħna jkunu
dejjem aktar ġenerużi għas-sejħa tiegħek..." Trid preparazzjoni biex tinduna Alla xi jkun
qed jitlob minnek. Waqt li nikbru bħala nsara u ngħixu ħajja li togħġob lil
Alla fl-affarijiet iż-żgħar ta' kuljum, inkunu qed niftħu ħajjitna għal Kristu, u fina tinbet xewqa li nwettqu r-rieda tiegħu – tkun xi tkun – anke jekk tkun
sejħa li taħsadna jew li ma nistennewhiex!
Is-saċerdot fil-parroċċa għandu biċċa
xogħol sabiħa ħafna, l-ewwelnett għax
għandu ċans jgħix fost in-nies li hu jqishom bħal aħwa tiegħu. Flimkien iridu jiskopru
d-doni li Alla jkun qed jafdalhom – bħala individwi u bħala komunità. Is-saċerdot, u kull nisrani, għandhom ikunu
grati lejn Alla u lejn xulxin għax permezz tal-ħajja flimkien Hu jkun qed iħeġġina "għal doni akbar".
Il-kuntatt man-nies fil-parroċċa iqiegħed lis-saċerdot fil-qalba tal-ħajja. Tagħtih dawl fuq dak li qed
jiġri fis-soċjetà, fil-familji; fuq dak li qed jgħin jew itellef lill-bniedem
waqt li jkun qed jgħix ħajtu. Issa hu
l-waqt biex "noħorġu mill-bieb tal-Knisja" kif sar iħobb jgħid il-Papa Franġisku, u nibdew nagħmlu xi ħaġa ta' ġid fid-dinja ta' madwarna.
Int ukoll li qed taqra tista’ tagħmel xi
ħaġa. Ibda għid kuljum it-talba
għall-vokazzjonijiet. Sib mument meta tista’ tgħidha ma’ xi membri tal-familja. Jew inkella agħżel
ġurnata fix-xahar u għamluha l-ġurnata tagħkom tal-familja biex titolbu għal
dan il-għan. Jekk ikun hemm iktar nies
fil-parroċċa li jitħajru bħalkom, tkun inħolqot talba kontinwa lil Alla matul
ix-xahar kollu.
Jalla jkollna għal qalbna l-vokazzjonijiet anke
mill-parroċċa tagħna. Waqt li napprezzaw
ix-xogħol li jwettqu fostna s-saċerdoti tagħna, ejjew nitolbu u nagħmlu ħilitna biex
fina u madwarna tkompli tinbena s-Saltna t'Alla.
No comments:
Post a Comment