8.12.2010

Xi żmien ilu kont miexi u fuq bankina rajt tabella li kienet tgħid: “Ejja ftit ħdejja...” Meta ersaqt aktar fil-qrib indunajt li, b’ittri żgħar kien hemm miktub ukoll: “Ġesù qiegħed jgħidlek...” U flimkien ma’ din l-istedina kien hemm vleġġa li tefgħetli ħarsti lejn bieb miftuħ fil-ġenb tal-pjazzetta. Miġbud aktar mill-kurżità milli minn xi mottiv ieħor, dħalt u sibt kappella tal-Adorazzjoni.

Nistqarr li ma kontx ippjanajt li nitlob propju dak il-ħin, għax kelli ħafna qadi xi nlaħħaq. Imma ħassejt li kelli nieħu l-okkażjoni. Għalhekk inżilt għakobbtejja u ffissajt ħarsti lejn is-Sagrament. U f’dawk il-mumenti li għamilt f’dik il-kappella ċkejkna, għaraft il-kobor tal-imħabba ta’ Alla għalija. F’dik mil-ħemda u s-skiet, ħassejtni aċċettat u maħbub bħal qatt qabel. Ġieni f’moħħi l-kliem ta' Ġesù: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom...”
Bdejt naħseb: Liema bniedem illum se jgħidulek dan il-kliem? Hemm biss persuna waħda? Quddiem Ġesù ħassejtni protett. Indunajt li dan mhux se jisserva bija. Mhux se juża d-dgħjufija jew l-aljenazzjoni tiegħi biex jieħu vantaġġ fuqi.

Għalik ukoll, okkażżjoni bħal din tista' tkun il-bidu ta’ esperjenza ġdida fir-relazzjoni tiegħek ma’ Ġesù. Hemm bżonn li bħala nsara nsiru aktar konxji li fl-ostja kkonsagrata hemm il-preżenza vera u sagramentali ta’ Ġesù nnifsu, li jrid jibqa' magħna sa l-aħħar taż-żmien.
Hu jrid ikun l-ikel tagħna u jgħidilna: “Jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom...”
Hu jrid jaqsam magħna l-qawwa unika tiegħu bħala l-Iben il-waħdieni ta’ Alla. Waqt li nżuruh u niftħu qalbna quddiemu, u nkellmuh dwar il-ħajja tagħna, Hu ikellimna wkoll. Idewwaqna l-qawwa tiegħu. Isaħħaħna fil-fidi u fl-imħabba tagħna lejh u lejn bnedmin oħra.
F’mumenti bħal dawn, ’il bogħod minn ħafna aljenazzjonijiet, Alla qed jistenna biex jaqsam ħajtu miegħek!

Għall-grazzja t’Alla, minn dawn il-kappelli ta’ Adorazzjoni issa għandna bosta madwar Malta (u Għawdex). Ngħidu ‘grazzi’ lill-kappillani (u lill-persuni li jieħdu ħsieb dawn il-postijiet) għal din l-opportunità. Dawn il-kappelli jkunu miftuħa għal ħinijiet itwal milli jkun possibbli fil-knejjes il-kbar. Fihom insibu opportunità mill-aqwa biex inġeddu l-ħajja personali tagħna, nissaħħu fis-sejħa tagħna, u nibnu soċjetà aktar umana.

Xtaqt naqsam din l-esperjenza li affettwatli ħajti meta, bla ħsieb, aċċettajt stedina sempliċi: “Ejja ftit ħdejja...” Quddiem għajnejja jiġi l-kliem tas-Salm 33: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, hieni l-bniedem li jistkenn fih...”

No comments: