12.24.2011

One learns people through the heart, not the eyes or the intellect Mark Twain

"Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja... sejjaħtilkom ħbieb" (Ġw 15,15).  F'din il-kelma hemm moħbi l-programm sħiħ tal-ħajja tas-saċerdot. X'inhi tassew il-ħbiberija? L-antiki kienu jgħidu: "Idem velle, idem nolle" — trid l-istess affarijiet u ma tridx l-istess affarijiet. Il-ħbiberija hija komunjoni tal-ħsieb u tar-rieda.  Il-Mulej jgħidilna l-istess ħaġa b'ħafna insistenza: "Jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili" (ara Ġw 10,14).

Ir-Ragħaj isejjaħ in-nagħaġ tiegħu b'isimhom (ara Ġw 10,3). Hu jafni b'ismi. M'inix kwalunkwe bniedem anonimu fl-infinità tal-univers. Jafni b'mod għal kollox personali. U jien, nafu lilu?

Il-ħbiberija li Hu jagħtini tista' biss tfisser li jien ukoll infittex li nsir nafu dejjem iżjed; li jien, fl-Iskrittura, fis-Sagramenti, permezz ta' mumenti ta' talb li noħloq jien, fil-komunjoni tal-Qaddisin, fil-persuni li nqishom bħala ħbiebi u f'dawk li Hu jibgħatli, jiena nfittex li nsir nafu dejjem iżjed.

Il-ħbiberija mhix biss għarfien, imma hi fuq kollox komunjoni ta' rieda. Dan ifisser li r-rieda tiegħi tikber biex issir ħaġa waħda ma' tiegħu. Għalija, fil-fatt, ir-rieda tiegħu mhix xi rieda barranija, li noqgħod għaliha bejn wieħed u ieħor b'mod liberu, jew li għaliha ma noqgħodx. Le... fil-ħbiberija, r-rieda tiegħi tikber biex tingħaqad ma' tiegħu.  Ir-rieda tiegħu ssir tiegħi, u proprju hekk li tassew nikseb l-identità tiegħi.

Barra mill-komunjoni tal-ħsieb u tar-rieda, il-Mulej isemmi wkoll it-tielet element ġdid: Huwa jagħti ħajtu għalina (ara Ġw 15,13; 10,15).

Mulej, għinni biex insir nafek dejjem aħjar! Għinni biex ningħaqad iżjed mar-rieda tiegħek! Għinni biex ngħix ħajti mhux għalija nnifsi, imma biex ngħixha flimkien miegħek għall-oħrajn! Għinni biex insir dejjem iżjed ħabib tiegħek!

Benedittu XVI, Omelija fis-60 Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tieghu, 29 ta' Gunju 2011

No comments: